Kompjuters u l-Internet fl-Iskejjel
Regoli għal Użu Aċċettabbli

Maħruġ mid-

Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni
Il-Furjana - Malta

Settembru 2004

Werrej

 

Nota lill-Ġenituri

Għeżież Ġenituri,

Bi pjaċir infakkru li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, permezz tad-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni investiet bosta biex fl-iskejjel tagħha jkun hemm l-aqwa tagħmir u servizzi tat-teknoloġija ta' l-informatika. Dawn jinkludu kompjuters f'kull klassi fl-iskejjel primarji u laboratorji tal-kompjuter f'dawk sekondarji kif ukoll is-servizz ta' l-Internet f'kull skola. Uliedkom sejrin jingħataw ukoll indirizz ta' l-e-mail personali tagħhom.

Dan il-ktejjeb jipprovvdi linji gwida ċari ta' kif għandhom jiġu wżati dawn ir-riżorsi minn uliedkom fl-iskejjel. Il-ħsieb huwa li it-tfal tagħkom ikunu jistgħu jkollhom esperjenza pożittiva tal-kompjuters u ta' l-Internet li huma riżorsi daqstant bżonnjużi fid-dinja tal-llum u ta' għada.

Għandkom issibu formola mhemuża biex tkunu tistgħu tagħtu l-permess lil uliedkom biex jagħmlu użu sħiħ ta' dawn is-servizzi. Inħeġġukom timlew il-formola u tibgħatuha lill-Kap ta' l-Iskola.

 


Dr. Cecilia Borġ
Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni

 

Top

 

Gwida għal Użu Aċċettabbli

Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ipprovdiet l-Internet fl-iskejjel ta' l-Istat. Dan jipprovdi lill-istudenti u lill-għalliema aċċess għal eluf ta' netwerks ta' kompjuters u riżorsi edukattivi madwar id-dinja. B'hekk jissaħħu l-ħiliet komunikattivi u ta' riċerka ta' l-istudenti u jikber bil-bosta l-għarfien tagħhom, fl-istess ħin tingħata lill-għalliema biċċa għodda siewja li jistgħu jużaw waqt il-lezzjonijiet tagħhom.

Din il-gwida hija preżentata bħala sett ta' regoli li l-istudenti għandhom josservaw meta jużaw il-kompjuters l-iskola. Il-ġenituri huma mħeġġa biex jaqraw dan id-dokument u jekk jaqblu, jimlew, jiffirmaw il-formula mhemuża u jibagħtuha lill-kap ta' l-iskola.

Użu Aċċettabbli - Definizzjoni

Biex naċċertaw irwieħna li l-użu ta' dan ir-riżors jkun għaqli, l-użu ta' l-Internet fl-iskejjel għandu jkun wieħed edukattiv skond l-għanijiet tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hekk kif imniżżla fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali. L-Internet ikun użat dejjem taħt is-superviżjoni ta' l-għalliema, iżda l-istudenti huma responsabbli għall-użu ta' din is-sistema elettronika. Mhix permessa t-trasmissjoni ta' materjal bi vjolazzjoni għal-liġijiet Maltin jew tar-regoli ta' l-iskola. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, materjal bi drittijiet riservati għall-awtur u materjal oxxen jew ta' theddid. Użu kummerċjali għal attivitajiet bi qligħ m'huwiex permess - kif ukoll użu għal reklamar jew għal gwadann politiku.

Kull azzjoni li ttellef mill-użu kif suppost tas-sistemi tal-kompjuters jew li tikser id-drittijiet ta' privatezza mhix aċċettabbli. Dawn jinkludu: li jintbagħtu messaġġi lil terzi persuni mingħajr permess; li jiġu ippubblikati ismijiet, indirizzi, numri tat-telefon jew passwerds ta' oħrajn; id-dħul f'sistemi kompjuterizzati mingħajr permess; it-tniżżil, ħażna jew stampar ta' fajls b'kontenut profan, oxxen, jew b'lingwaġġ mhux xieraq u li jintbagħtu jew li jikkawżaw li jintbagħat materjal meqjus li jżeblaħ lil ħaddieħor. L-użu tan-netwerk għall-gwadann kummerċjali jew finanzjarju, jew ħela ta' riżorsi b'nuqqas ta' kontroll ta' fajls jew l-installar illegali ta' softwer, abbonamenti f'listi jew gruppi elettroniċi mingħajr il-permess ta' uffiċċjal mill-iskola u l-aċċess għal ċetting elettroniku m'humiex permessi.

Privileġġ

L-użu tal-kompjuters fl-iskola m'huwiex dritt iżda privileġġ u użu ħażin tagħhom jista' jwassal għat-tneħħija ta' dan il-privileġġ. L-amministraturi ta' l-iskola jaraw x'inhu użu inaċċettabbli u d-deċiżjoni tagħhom tkun finali. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u/jew l-amministrazzjoni ta' l-iskola tista' twaqqaf l-użu tas-sistemi ta' l-informatika kif tħoss il-bżonn.

E-Mail

Is-sistema ta' l-e-mail li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni toffri lill-istudenti għandha tintuża biss għal skopijiet edukattivi. Mhux garantit li l-e-mail huwa privat, l-amministraturi tas-sistema jżommu d-dritt li jaraw il-messaġġi li l-istudenti jibagħtu u jirċievu biex jinvestigaw rapporti ta' użu ħażin. F'dawn iċ-ċirkostanzi, messaġġi li jmorru kontra r-Regoli ta' Użu Aċċettabbli jkunu rrapportati lill-awtoritajiet kompetenti. Il-messaġġi kollha li jintbagħtu huma rintraċċabbli u rendikont ta' l-attività fuq l-e-mail huwa miżmum bil-għan li jiġi ċċekkjat l-użu tiegħu.

Websajts ta' l-Istudenti

Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tipprovdi l-faċilità lil dawk l-istudenti li jkunu jixtiequ jagħmlu websajt. Il-pubblikazzjoni ta' materjal li jikser il-liġi Maltija jew ir-Regoli ta' Użu Aċċettabbli mhux permess. Dan jinkludi materjal protett bid-drittijiet ta' l-awtur, materjal ta' theddid jew oxxen, jew sigrieti kummerċjali. Attivitajiet kummerċjali ta' kull tip m'humiex aċċettabbli wkoll. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tiċċekkja l-kontenut ta' l-websajts miżmuma fuq is-servers tagħha u tirriżerva d-dritt li tirtira s-servizz u tieħu azzjoni dixxiplinarja kontra dawk li jabbużaw minnu.

Sigurtà

Is-sigurtà ta' kull kompjuter għandha tingħata importanza kbira, b'mod speċjali meta dawn ikunu mqabbdin flimkien permezz ta' netwerk u jintużaw minn ħafna nies. Jekk tħoss li hemm xi problema ta' sigurtà kellem mill-ewwel lill-għalliema tiegħek. Titkellimx dwar il-problema ma' studenti oħra. Jekk tipprova tidħol fuq in-netwerk bħala amministratur, tista' titlef id-dritt li tuża l-kompjuters. Jekk xi ħadd jitqies ta' riskju għas-sigurtà tas-sistema tal-kompjuter jew kellu problemi simili fil-passat dan ukoll jista' jinżamm milli juża l-kompjuters.

Vandaliżmu

L-ebda xorta ta' vandaliżmu m'huwa tollerat u min jinqabad, jitlef il-privileġġ li juża l-kompjuters mill-ewwel. Kull attentat li jikkawża ħsara f'tagħmir jew informazzjoni ta' ħaddieħor inkluż ta' entitajiet li jkunu qed jipprovdu servizz lill-iskola jikkostitwixxi att ta' vandaliżmu. It-tixrid jew ħolqien ta' vajrusis tal-kompjuters u l-hacking jitqiesu wkoll bħala vandaliżmu .

Netikett

Kull min juża s-sistemi tal-kompjuter huwa mistenni li josserva r-regoli ġenerali ta' etikett meta' jużaw in-netwerk. Dawn jinkludu, fost oħrajn: Li jkun edukat; ma jitlifx il-kontroll fil-messaġġi tiegħu lil ħaddieħor; juża lingwaġġ f'postu. Ma jagħtix dettalji personali bħal indirizzi, numri tat-telefon, numri ta' karti ta' kreditu eċċ., la tiegħu u lanqas ta' ħaddieħor. Ma jużax in-netwerk b'tali mod illi jikkawża traffiku żejjed u jtellef l-użu liberu ta' ħaddieħor. Għandu jqis l-informazzjoni kollha li hija aċċessibbli minn fuq in-network bħala proprjetà privata.

Privatezza

Jista' jagħti l-każ li l-iskola tkun trid tippubblika xogħlijiet ta' l-istudenti u/jew ritratti tagħhom, huma jagħmlu dan biss bil-permess tal-ġenituri. Ir-ritratti jiġu ppubblikati b'mod li l-istudenti ma jkunux identifikabbli u ma jkunux jinkludu isem l-istudent.

Responsabbiltà

Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tagħmel l-ebda garanziji, la direttament u lanqas indirettament għas-servizzi ta' l-informatika li tipprovdi fl-iskejjel. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mhix responsabbli għal xi ħsarat li wieħed jista' jsofri. Dawn jinkludu telf ta' data minħabba dewmien jew tħassir u interruzzjonijiet fis-servizz ikkawżat minn nuqqasijiet min-naħa tagħha jew ta' min juża s-sistemi. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma terfax reponsabbiltà għall-eżattezza jew il-kwalità ta' l-informazzjoni mwassla mis-servizzi li toffri.

 

Top

 

Linji gwida għall-websajts personali

Il-Paġni fuq SchoolNet

Dak li tpoġġi fuq il-websajt personali tiegħek jirrifletti, tajjeb jew ħażin, fuq l-individwu u fuq l-iskola tiegħu. Meta titpoġġa xi ħaġa fuq l-Internet, din tkun aċċessibbli minn madwar id-dinja kollha. Għalkemm id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma terfa' ebda responsabbiltà għal dak li jitpoġġa fuq il-websajts ta' l-istudenti, persuni fil-kommunità jistgħu jassoċjaw il-kontenut ta' xi websajt ma' l-istudenti kollha li jattendu l-iskola. Dawk li jagħmlu użu minn dan is-servizz għandhom jiftakru f'dan u jżommu ċertu livell fil-websajt. Barra minn hekk, dak li jitpoġġa fuq il-websajt jirrifletti l-personalità ta' l-individwu u jkun aċċessibbli minn kollegi, ġenituri, u anki minn nies li jistgħu joffru impjieg.

Wieħed għandu jaħsibha sew qabel ipoġġi dettaliji personali fuq il-websajt

Wieħed għandu jiftakar li l-websajt tiegħu hija aċċessibbli minn kulħadd. Li titpoġġa informazzjoni personali dwarek fuqha tista' tattira attenzjoni mhix mixtieqa. Jekk tixtieq tisma' mingħand min iżur il-websajt, wisq probabbli l-aħjar mod huwa li juża l-indirizz e-mail tiegħek.

Rispett lejn il-privatezza ta' l-oħrajn

M'għandiex tingħata informazzjoni dwar persuni oħra mingħajr il-permess tagħhom.

Il-Websajts u l-Liġi

Il-kontenut tal-websajts għandu jirrifletti il-liġijiet tal-pajjiż u ir-Regoli ta' Użu Aċċettabbli. Aħna għandna kull rispett għall-individwu u għad-drittijiet li wieħed jesprimi ruħu b'mod liberu u normalment ma mmissux kontenut ta' websajts. Madankollu kontenut li jmur kontra l-liġi, bħal materjal protett bid-drittijiet ta' l-awtur (inkluż softwer li ma jistax jiġi mqassam b'xejn), jew materjal mhux xieraq ma jkunx tollerat u jekk jinstab il-websajt tiġi mneħħija mill-ewwel.

Websajts personali ma jistax ikollhom materjal kummerċjali

Minnhom infushom, websajts personali ikollhom materjal li m'huwiex direttament marbut m'affarijiet ta' l-iskola. Madankollu dan ma jfissirx li jistgħu jinkludu reklamar, dettalji ta' attivitajiet kummerċjali, jew ta' natura politika. Bħal kull riżors ieħor ipprovdut mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, websajts personali ma jistgħux jiġu użati għal gwadann finanzjarju.

Websajts personali huma għall-użu personali biss

Il-passwerd għall-aċċess tal-websajt personali hija l-istess waħda li tintuża għall-e-mail. Wieħed għandu jiftakar li m'għandux iħalli li ħaddieħor ikun jaf x'inhi l-passwerd tiegħu u li hu ser jinżamm responsabbli għal kull materjal li jkun hemm fuqha, għalhekk wieħed għandu jqis li hu biss ikollu aċċess għaliha.

L-Ispazju allokat għall-websajt huwa limitat

L-ispazju allokat għall-websajt huwa limitat minħabba r-riżorsi kbar involuti. Spazju addizzjonali jkun jista' jingħata biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

L-Għajnuna teknika hija limitata

Minħabba li websajts personali m'humiex uffiċċjali, l-għajnuna teknika li tista' tingħata hija limitata. Normalment, studenti li jkollhom websajt personali jkunu jridu jesperimentaw u jaqraw dokumenti fuq l-internet dwar kif isolvu problemi relatati mal-websajt.

Websajts għall-istudenti jinżammu sakemm wieħed jibqa' student

L-istess bħas-servizz ta' l-e-mail, studenti li ma jibqgħux jattendu l-iskola, jitwaqqfilhom is-servizz u l-kontenut jiġi mħassar. Jekk studenti jkunu jridu kopja tal-websajt tagħhom, dawn għandhom jikkupjaw il-materjal qabel dan jitneħħa. L-amministratur jibgħat avviż bl-e-mail qabel jitħassar xi materjal.

 

Top

 

Użu Responsabbli ta' l-Internet

Skejjel Primarji

Aħna nużaw il-kompjuters ta' l-iskola u l-Internet biex nitgħallmu.

Dawn ir-regoli ser jgħinuna biex inkunu ġusti ma' ħaddieħor u fl-istess ħin inkunu protetti.

  • Għandi nitlob permess qabel nidħol f'xi websajt sakemm l- għalliema ma qalulix bih.
  • Ser inżomm il-passwerd tiegħi sigrieta u ma nagħtiha lil ħadd.
  • Mhux se niftaħ jew inħassar fajls ta' ħaddieħor.
  • Mhux se nġib floppi disks miegħi l-iskola mingħajr permess.
  • Se nibgħat posta elettronika lil persuni li naf biss jew inkella lil min jgħiduli l-għalliema.
  • Il-messaġġi li se nibgħat ser ikunu prudenti u għall-bżonn.
  • Meta nibgħat posta elettronika, mhux ser nagħti l-indirizz tad- dar tiegħi, in-numru tat-telefon jew niftiehem li niltaqa' ma' xi ħadd.
  • Ser nitlob permess qabel niftaħ posta elettronika mibgħuta minn xi ħadd li ma' nafux.
  • M'inix ser nuża ċet fuq l-Internet.
  • Jekk nirċievi xi messaġġ li ma jogħġobnix ser ngħid mill-ewwel lill-għalliema.
  • Naf li l-iskola tista' tiċċekkja x'files noħloq fuq il-kompjuter, x'posta elettronika nibgħat jew nirċievi u x'siti ta' l-Internet inżur.
  • Nifhem li jekk ma nosservax dawn ir-regoli, nista' ninżamm milli nuża l-Internet u/jew il-kompjuters.

Skejjel Sekondarji

  • Is-sistema tal-kompjuters ta' l-iskola tipprovvdi aċċess għall-Internet u email. Din l-istqarrija ser tgħin lill-istudenti, u lill-iskola rigward x'inhu aċċettabbli u x'mhuwiex.
  • Aċċess għall-e-mail għandu jsir biss permezz tal-passwerd tiegħi. Għandi nżomm il-passwerd sigrieta u ma nagħtiha lil ħadd.
  • L-Użu mill-kompjuters u l-Internet fl-iskola ser ikun għal skopijiet edukattivi.
  • Ser nirrispetta d-drittijiet ta' l-awtur u ta' propjetà intellettwali.
  • Ser inkun responsabbli għall-e-mail li nibgħat u għal-kuntatti li nagħmel. Nifhem li l-awtoritajiet jistgħu jiċċekkjaw x'messaġġi nibgħat u nirċievi.
  • Il-messaġġi li nibgħat sejrin ikunu ta' użu u jagħmlu sens. Billi messaġġi bl-e-mail jistgħu jiġu mgħoddija lil ħaddieħor, dawn għandhom jiġu meqjusa bħala xi ħaġa pubblika.
  • M'inix ser nibgħat, nirrispondi, jew ngħaddi lil ħaddieħor messaġġi anonimi jew chain letters.
  • M'għandix nuża ċet fuq l-Internet l-iskola.
  • Fuq l-Internet, mhux ser nagħti l-indirizz tad-dar tiegħi jew ta' ħaddieħor, in-numru tat-telefon jew niftiehem li niltaqa' ma' xi ħadd.
  • Nifhem li l-użu għal gwadann finanzjarju, logħob ta' flus, reklamar, jew attività politika m'huwiex permess. Il-kontenut tal-websajts ta' l-istudenti jrid ikun skond l-linji gwida għall- websajts personali.
  • Is-Sigurtà tas-sistemi tal-kompjuter, kemm dawk ta' l-iskola kif ukoll ta' oħrajn, m'għandiex tiġi kompromessa. Kull attentat ta hacking jew ta' aċċess mhux awtoriżżat ikun penaliżżat.

 

Top

 

Mistoqsija u Tweġiba

X'jiġri jekk ma niffirmax?

Fil-każ li inti ma tirritornax il-formola għall-kunsens iffirmata, ibnek/bintek ma jingħatawx e-mail personali tagħhom jew aċċess għall-internet. Madankollu f'dawk is-suġġetti li bilfors irid jintuża l- kompjuter, il-lezzjonijiet jibqgħu isiru normali.

Nista' nsaffi l-Internet tad-dar ukoll?

Iva, jeżistu diversi prodotti li wieħed jista' juża biex jissaffa l-internet tad-dar. Ikkuntattja lill-ISP tiegħek jew lill-ħanut tal-kompjuters tal- fiduċja tiegħek għal iktar dettalji.

Il-lezzjoni tal-kompjuter xorta tingħata jekk ma niffirmax?

Iva, dawk is-suġġetti li huma direttament relatati mal-kompjuters jew l-internet, ser isiru normalment bil-parteċipazzjoni ta' ibnek/bintek.

L-iffiltrar ta' l-Internet huwa ta' min jorbot fuqhu?

Iva, pero l-ebda sistema m'hija infallibbli. Kien hemm każi remoti fejn sistemi ġratilhom il-ħsara, dawn kienu solvuti malajr.

Għandi ndaħħal l-Internet id-dar?

Meta jintuża tajjeb, l-Internet huwa sors imprezzabbli ta' informazzjoni, tagħlim u divertiment. Diffiċli timmaġina lil xi ħadd li jiffunzjona u jipparteċipa tajjeb fid-dinja tal-llum mingħajr ma jkollu aċċess għall-Internet.

Min jiċċekkja l-e-mail li jirċievu uliedi?

L-amministratur ta' l-Internet fl-iskejjel jista' jiċċekkja x'e-mails jibagħtu u jirċievu uliedkom. Dan ma jfissirx li ser jara kull messaġġ, iżda li jista' jagħmel dan jekk ikun hemm xi suspetti li s-servizz qed jintuża ħażin.

Jekk niffirma, imma mbagħad jerġa' jibdieli?

F'dan il-każ għandek tinforma lill-Kap ta' l-Iskola bil miktub. Huma jieħdu l-passi neċessarji biex jaraw li x-xewqa tiegħek tkun rispettata.

Kull meta trid timtela l-formola?

Il-permess li tagħti jibqa' fis-seħħ sakemm l-istudent jispiċċa mill- iskola. Il-formola timtela darba u tibqa' tinżamm mar-rekords tat-tifel/ tifla tiegħek.

 

Top

 

Glossarju

Chain Letters
Messaġġi bl-e-mail li jitolbu lil min jirċevihom biex jerġgħu jgħadduhom lil ħaddieħor.
Chat Rooms (Ċet/ċetting)
ara Internet Relay Chat
Drittijiet ta' l-awtur
Id-dritt li tuża jew tagħmel kopji ta' materjal protett, inkluż softwer. Dan id-dritt normalment jinxtara mingħand kumpaniji u huwa msejjaħ liċenzjar.
E-mail
Wieħed mill-vantaġġi kbar ta' l-Internet. Ħafna aħjar mill-posta tradizzjonali, bl-e-mail tista' tibgħat messaġġi madwar id-dinja kollha bi spiża mill-inqas u b'veloċità kbira.Tista' wkoll tibgħat ritratti, ħsejjes u vidjo ma' dawn il-messaġġi. Messaġġi jistgħu jintbagħtu lil ħafna nies f'daqqa.
Hacking
Li tipprova taċċessa riżorsi elettroniċi mingħajr permess. Din hija theddida serja għas-sigurtà ta' l-informazzjoni, u hija illegali.
Internet
L-Internet huwa netwerk globali ta' miljuni ta' kompjuters imqabbda flimkien. Fuqu huma bbażati ħafna websajts, l-e-mail u sistemi oħra ta' komunikazzjoni.
Internet Relay Chat
Magħruf ukoll bħala IRC - kommunikazzjoni bejn tnejn jew aktar persuni fl-istess ħin permezz ta' ittajpjar ta' messaġġi. Dan iseħħ f'chat rooms - dan iċ-ċetting jista' jsir b'mod privat jew pubbliku u jipprovdi wkoll possibiltà li jintbagħtu fajls.
Installazzjoni
Is-softwer, li normalment jinxtara fuq diska, ikollu bżonn jiġi trasferit għal fuq il-kompjuter biex jitħaddem. Normalment dan ikun proċess awtomatiku u sempliċi.
ISP
Internet Service Provider - dik il-kumpanija li mingħandha tixtri s-servizz ta' l-Internet.
List server / Grupp Elettroniku
List servers huma sistemi li bihom tista' ssir parti ta' komunita' virtwali. E-mails mibgħuta lill-list server jiġu mgħoddija lill-membri kollha. Jekk ikun hemm ħafna attivita' fuq list server li inti tkun membru tiegħu, għandek imnejn tirċievi ammonti kbar ta' e-mails. Is-suġġetti trattati mill-list servers ivarjaw ħafna.
Netwerk
Sistema fejn kompjuters ikunu mqabbda wieħed ma' ieħor b'mod li jistgħu jaqsmu r-riżorsi bejniethom. Netwerks ivarjaw fid-daqs - l-akbar wieħed huwa l-Internet.
Newsgroup
Simili ta' List Server, bid-differenza li l-messaġġi minflok jintbagħtu bl-e-mail jinżammu fuq server u jiġu mniżżla minn hemm.
Passwerd
Kelma sigrieta li tagħtik aċċess għal servizzi jew riżorsi personalizzati. Din hi qisha ċavetta elettronika.
Sistemi ta' l-Informazzjoni
Terminu ġeneriku li jinkludi kull sistema li tipproċessa l-informazzjoni. Tagħmir tal-kompjuter, netwerks, u software huma kollha parti mis-sistemi ta' l-informazzjoni.
Softwer
Kompjuter ma jaħdimx mingħajr is-softwer, dan ‘jgħid’ lill-kompjuter x'għandu jagħmel. Hemm miljuni ta' softwer differenti għax-xogħol, logħob u studju.
Iffiltrar ta' l-Internet
Din hija sistema li tikkontrolla l-aċċess għal websajts u riżorsi oħra fuq l-Internet. Jeżistu diversi programmi li jagħmlu dan kemm għall-użu fid-dar kif ukoll għall-industrija.
Viruses tal-kompjuter
Dawn huma programmi żgħar magħmula biex jikkawżaw ħsara f'sistemi tal-kompjuter. Xi wħud huma aktar perikolużi minn oħrajn u jikkawżaw ħsara kemm f'kompjuters tad-dar kif ukoll f'uffiċini.
Websajts
Paġni li normalment jinkludu kitba u stampi li jinżammu fuq webserver u li huma aċċessibbli minn madwar id-dinja kollha.

 

Top

 

Aktar Informazzjoni u Riżorsi

Regoli għal Użu Aċċettabbli Online

Għal verżjoni elettronika ta' din il-gwida kif ukoll biex takkwista aktar formoli, żur dan is-sit:

www.skola.gov.mt/aup

Għajnuna permezz ta' l-e-mail

Jekk tixtieq tikkomunika mad-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni dwar din il-gwida, tista' tagħmel dan permezz ta' dan l-indirizz e-mail:

aup@schoolnet.gov.mt

Sigurtà tat-tfal fuq l-Internet

Kienu ppubblikati fuljetti informattivi għall-istudenti u l-ġenituri dwar x'għandhom jagħmlu biex l-esperjenza tagħhom fuq l-Internet tkun waħda pożittiva. Għal aktar dettalji żuru:

www.kidsmart.org.uk

 

Top

 

Ftehim dwar l-użu ta’ l-Internet u l-kompjuters

Niżżel il-formula ta' l-AUP.

 

Top

 

 

Home | Primary | Secondary | Teachers & Parents | Web Services | Articles | Circulars | About us

Acceptable Use Policy | Data Protection Policy | Quality Service Charter | Site Map | Contact Us

 

© Department of Technology in Education
Education Division - Malta